Il-Partikolaritajiet ta’ Mary Meilak

Il-Partikolaritajiet ta’ Mary Meilak

Wirt Għawdex se torganizza t-tieni taħdita fis-serje ta’ taħditiet għall-2025 nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Frar fis-6.30pm fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, Għajnsielem. It-taħdita, li se tingħata bil-Malti, se tiffoka fuq il-poetessa Għawdxija, Mary Meylak: “Il-Partikolaritajiet ta’ Mary Meylak”.

Mary Meylak twieldet fl-1905, ir-Rabat Għawdex u rċeviet l-edukazzjoni tagħha fl-Iskola Ċentrali t’Għawdex. Qattgħet sbatax-il sena taħdem fl-uffiċċji tal-gvern qabel ma bdiet karriera bħala għalliema fl-1942. Kienet issib sodisfazzjon kbir fit-tagħlim u baqgħet fil-professjoni sa ma rtirat żewġ deċennji wara. Mietet fl-1975.

Filwaqt li m’hemm ebda dubju li Meylak segwiet il-proġett Romantiku Malti, ix-xogħol tagħha għandu karatteristiċi partikolari li jiddifferenzjawha mill-poeti u l-kittieba ta’ żmienha. Fost dawn il-partikolaritajiet nistgħu nsemmu l-assenza kważi totali tal-element malinkoniku li spiss huwa assoċjat mat-temperament Romantiku. Il-filosofija tagħha li tpoġġi l-produzzjoni letterarja qabel kull kunsiderazzjoni oħra, inkluż il-possibilità ta’ familja, u l-fatt li ma tesprimi ebda affett ħlief, b’mod subliminali lejn ħabibitha fil-ġabra Songs You Will Like (l-unika Romantika ta’ żmienha li tippubblika ġabra bl-Ingliż) ukoll jagħtuha karattru differenti minn tal-kontemporanji tagħha. Ma nistgħux ma nsemmux id-dimensjonijiet spazjali tagħha, uniċi f’termini anki ġeografiċi u, fuq kollox, sinifikanti għall-fatt li jisfidaw l-ekonomija patrijarkali li tat spazju żgħir lill-mara. 

It-taħdita se tingħata mill-Professur Immanuel Mifsud. Immanuel Mifsud jgħallem il-letteratura fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Bħalissa qiegħed jiffinalizza x-xogħol fuq il-pubblikazzjoni ta’ kitbiet inediti ta’ Mary Meylak. Dwar din il-kittieba Mifsud kiteb diversi studji li bihom ried li jipproblematizza t-tradizzjoni li ħarset lejn Meylak bħala poeta tal-ħlewwa u ċ-ċokon u, minflok, juru li hemm profondità anki fil-politika tal-ġeneru li faċilment tista’ ssib ruħha fid-diskors Femminista li s’issa qatt ma kkunsidra bis-serjetà lil din il-kittieba. 

Wara t-taħdita se jkun hemm ħin għal mistoqsijiet mill-udjenza u diskussjoni. Ħajr mill-qalb lill-APS Bank li qed jisponsorjaw din is-sensiela ta’ taħditiet u lil Delicata Winery li sponsorjaw ix-xorb għal wara t-taħdita.

To register for this event email your details to info@wirtghawdex.org

Register using webmail: Gmail / AOL / Yahoo / Outlook

Date & Time

Event Start Date:

2025-02-28@
18:30

Event End Date:

@

Location

-

Event Types

Event Category

Share With Friends

Join Wirt Ghawdex

Join Wirt Ghawdex

Scroll to Top